Mużew
25, triq G.Grech Delicata, Birkirkara

_edited.png)
L-ewwel Pastur fil-Kollezzjoni
Minn fejn beda'?
Il-vjaġġ artistiku ta’ Pawlu Muscat beda meta kellu 14-il sena, meta beda joħloq kollezzjoni personali ta’ pasturi għalih innifsu. L-ewwel wirja li għamel kienet fid-dar ta’ ommu, esperjenza li saħħet il-passjoni tiegħu lejn il-pasturi u l-figuri tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Matul is-snin, din il-passjoni kompliet tikber u wasslet għal diversi wirjiet, fosthom waħda mportanti fil-Palazz Presidenzjali, Ħ'Attard, li kienet tinkludi madwar 700 figura. Pawlu jaħdem il-figuri tiegħu bl-idejn bit-tafal, filwaqt li martu tagħti l-kulur, appoġġ li hu jqis essenzjali. Il-workshop tiegħu sar it-tieni dar tal-familja.
Fis-snin disgħin, meta bdew jonqsu l-ħwienet tal-pasturi u l-mudelli tal-knejjes, Pawlu beda joħloq hu stess il-figuri għalih personali. Kif il-pastur Malti sfaxxa fix-xejn u ma' baqax fuq l-ixkaffef tal-ħwienet, Pawlu ra kif għamel biex reġa qajjem din is-snajja u t-tradizzjoni tal-pastur Malti.
Illum dan kollu jista jitgawda kollu taħt saqaf wieħed f'Musart.
Kollezzjoni
X’Tistgħu taraw fil-Mużew
Il-mużew joffri wirja sinjura li tinkludi aktar minn 125 sett ta’ pasturi, 7 settijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, statwi titulari tal-festi, armar tal-festi fit-toroq, mudell ta’ Kamra tan-Nar, ornamenti li normalment nsibu bħala tiżjin fil-knejjes, u knisja f’minjatura. Il-wirja tinkludi wkoll ritratti u memorji, kif ukoll esebizzjoni speċjali tax-xogħlijiet akkademiċi ta’ Andreas Paul Muscat, li żviluppa ħidma artistika waqt l-istudju tiegħu fil-Florence Academy of Art. Din toffri esperjenza kompluta li tgħaqqad tradizzjoni, arti u memorja kulturali.

Ritratti

Pasturi

Statwi tad-Disma

Minjatura ta' Knsija

Minjatura ta'
Armar tal-Festa

Minjatura Kamra
tan-Nar


Programmi tal-Festa u dokumenti oħra

Minjatura
ta' Purcissjoni
Minjatura ta' Artali
u tinzjin
Fredu Muscat
.png)
Fredu kien ġuvni t-tieni wild minn ħamsa, erba’subien u tifla. Missieru kien Pawlu u ommu Maria. Xogħlu kien ta’ mastrudaxxa u għal snin twal kien il-mastrudaxxa tar-raħal. Meta titkellem mal-anzjani ħafna minnhom jgħidulek li għandhom biċċa għamara minn tiegħu. Jien niftakru sa ma waqaf jaħdem b’għodda antika saħansitra bil-brace tal-idejn flok bid-driller tad-dawl u jaqta’ l-folji tal-injam bis-serrieq u jibni l-għamara skont is-sengħa antika.
Fredu fi tfulitu u l-bidu ta’ żgħożitu ma setax igawdi l-festa ta’ Santa Liena peress li ma kinitx issir minħabba l- ġlieda tal-poplu Karkariż mal-Isqof fuq id-drittijiet tal-Kolleġġjata Elenjana. Għalhekk Fredu flimkien ma’ familtu kienu jitilgħu Għawdex għall-festa ta’ Santa Marija fil-Belt tar-Rabat peress li ommu kienet minn hemmhekk. Niftakar liz-ziju u lil missieri jirrakkontawli li jiftakru l-istatwa titulari tal-Katidral tinħareġ minn dar ta’ sinjura jarmawlha jdejha u jdawruha bil-marċ tal-aħħar tat-Tridu fir-Rabat Għawdex sakemm ġie deċiż li tittella’ fiċ-Ċitadella u tintuża bħala l-istatwa titulari tal-Katidral. Kien hawn li Fredu beda jinteressa ruħu u jmur jarma għall-festa ta’ Santa Marija.
Meta fis-sena 1950 Birkirkrara saret il-festa u l-Kolleġġjata saret Bażilka Fredu flimkien ma’ missieru u ħutu s-subien bdew jiffrekwentaw il-każin tal-Għama. Hu kien tgħallem il-banda u għamel xi żmien idoqq l-althorn. Dak li kien tgħallem Għawdex beda jagħmlu għal mal-marċ tal-festa flimkien ma’ membri oħra tal-każin. Kien jagħmel umbrelel, raġġieri, u ornamenti oħra tal-injam u kartun miżbugħin bix-xniexel tal-karti tat-tajr u disinni tal-karti mwaħħlin magħhom. Dak iż-żmien it-tfal kienu jiġġennu biex jiddubaw xi umbrella u raġġiera għall-briju tal-marċ. Għall-marċ tal-Ġimgħa kien għamel ħafna fanali jixegħlu biex il-marċ kien ikun stil Venezjan. Missieri Ġużi u ħuh Żaru l-iskarpan dak iż-żmien kienu jieħdu ħsieb il-billiard tal-każin li kien fir-remissa ta’ ħdejn Coreschi. L-aħwa kollha kienu membri fit-team tal-football tal-każin bl-isem George Town, u missierhom Pawlu peress li kien skarpan kien jieħu ħsieb isewwi ż-żraben tal-istess team. Sal-lum fil-bar tal-każin għad hemm ritratt ta’ dan it-team li semmejt. Fis-snin 60 missieri u ħutu ma baqgħux jinżlu ħafna l-każin imma Fredu baqa’ delettant u membru attiv fil-kumitat. Niftakar meta għamel l-armar tal-faċċata tal-każin u żżanżnet żżanżan fil-festa. Missieri kien niżżilni biex naraw din il-faċċata sabiħa. Għall-festi taċ-Ċentinarju tal-1978 Fredu kien għamel ħafna umbrelel u raġġieri u kien għamel ukoll kpiepel u paljijiet u brieret tal-kartun. Għadu jeżisti ritratt ta’ dan il-marċ ta’ filgħodu fejn jidhru diversi bżieżaq kbar u quddiemhom hemm l-arma ta’ Santa Liena bl-umbrellun tal-Bażilka. Din kienet tal-injam u Fredu kien ftiehem ma’ min żammha biex jekk iwassalha sħiħa sal-aħħar tal-marċ itieħ itih lira.
Niftakar lil ħija Manuel li kien jaħdem ma’ Fredu jiġi jgħid id-dar li qegħdin jaħdmu faċċata ġdida biex jieħdu sehem għall-kompetizzjoni ta’ Jum il-Ħelsien. Niftakar jien kont żgħir u kien hemm ħafna nies quddiem il-każin jaraw din il-faċċata li biha Fredu kien ħa t-tielet post.
Ftit snin wara Fredu kien wieħed minn tal-bidu biex isiru pavaljuni ġodda biex jintramaw fil-Wied.
Fil-bidu tas-snin 80 Fredu kellu xi differenzi mal-kumitat u beda jarma fil-ħanut fi Triq il-Kbira. L-ewwel li jagħmel kienet il-faċċata għal żmien il-festa li ta’ kull sena kien iżidilha xi affrijiet fejn anki kien jarma statwa ta’ Santa Liena u diversi statwi oħra li jintramaw fit-toroq. Meta waqaf mill-ħanut beda jarma d-dar fl-istess triq u kien jagħmel wirja unika tal-festa.
Fis-sena 1984 beda l-ewwel wirja tal-Ġimgħa Kbira fil-ħanut u ta’ kull sena kien ikompli jżid l-affarijiet u ornamenti biex għamel wirja forma ta’ knisja kompluta b’kollox. Fost l-aktar li kien jeħodlu ħin matul is-sena kien il-presepju tal-Milied li ta’ kull sena kien jibnih mill-ġdid. Għalhekk fl-aħħar snin kien jibda jipprepara minn Jannar id-djar u l-blat ta’ dan il-presepju fejn u tul is-snin ħa diversi premjijiet fil-kompetizzjoni nazzjonali. Dawn il-wirjiet baqa’ jagħmilhom sakemm kellu 81 sena. Jien u ibni Andreas konna mmorru narmaw l-affarijiet it-tqal u dawk li jintramaw bis-sellum biex hu jkun jista’ jlesti l-affarijiet iż-żgħar għall-wirja li jkun imiss. Hu għamel snin twal membru fil-Għaqda Mudelli tal-Knejjes u l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju.
L-aħħar snin ta’ ħajtu Fredu għaddiehom jistrieħ f’dar tax-xjuħ fiż-Żejtun u fl-Imtarfa. Xorta baqa’ jieħu interess f’Birkirkara, speċjalment fit-team tal-football. Fredu kien bniedem riservat u ta’ ftit kliem għalhekk ħafna milli naf dwaru huwa mir-ritratti u l-ftit diskursati li kien ikollna waqt li naraw xi wirja.
Ħaġa mill-isbaħ li ġrat hi li mal-Banda Duke of Connaught l-ewwel beda Fredu bl-armar tal-briju u armar ieħor, warajh komplejt jien fejn meta tajt kontribut kbir għall-Ġimgħa Kbira u l-armar tal-festa speċjalment bil-faċċata, l-umbrellun, u l-koppla fost affarijiet oħra. U issa ibni Andreas li huwa t-tielet ġenerazzjoni li kompliet miexja fuq il-passi ta’ Fredu bix-xogħol ta’ armar u xogħol ieħor. B’hekk għal tliet ġenerazzjonijiet wara xulxin il-familja tagħna tat kontribut kbir biex il-Banda Duke of Connaught ikollha armar mill-isbaħ li jagħti ġieħ il-festa tal-patruna tagħna Santa Liena.
Fredu Muscat miet fit-22 ta' April, 2023.
Muża Karkariża huwa grupp letterarju li nħoloq fl-2014 li l-għan ewlieni tiegħu hu li jxerred proża u poeżija bil-lingwa Maltija. Minn żmien għal żmien intellgħu attivitajiet b’nifs mużikali fejn l-istess membri ta’ dan il-grupp li huma Karkariżi jew joqogħdu Birkirkara u xi mistidnin speċjali jħejju kitbiet skont is-suġġett magħżul. Nistidinkom issegwu l-paġna uffiċjali biex flimkien nagħtu ġieħ lil-letteratura.

Andreas twieled fl' 1996, jistudja ġewwa l-Akkademja tal-arti Firenze
Florence Academy of Art
Elena Muscat
Mużiċista, Arkivista
Twieldet fl'1999. Speċjalizzata fuq il-vjolin u l-vjola u fuq riċerka b'mod partikolari fuq il-mużika ta' kompożituri Maltin.
Rwoli preżenti u passati:
Assistenta Arkivista - Arkivju tal-Katidral Metropolitan ta' Malta, Mdina.
Section Leader tal-vjoli, Orkestra Nazzjonali taż-Żagħzagħ tal-Iskozja - NYOS
Kompożizzjoni
O Madonna tal-Ħerba...Itlob Għalina
Riċerka
Manum Suam, Birkirkara
Lucia Camilleri
Raffaele Riċċi
Benigno Zerafa
Lecture: L-Għeruq tal-Wirt Mużikali Karkariż



_edited.png)



